Skont il-proċeduri attwali, flimkien mal-President elett (ġdid) tal-Kummissjoni, il-Kunsill jaħtar il-Kummissarji nnominati. Kull Kummissarju nnominat huwa assenjat ir-responsabbiltà għal qasam ta’ politika speċifiku mill-President tal-Kummissjoni. Il-kumitati rilevanti tal-PE jivvalutaw kull wieħed mill-Kummissarji nnominati, qabel ma ssir votazzjoni plenarja dwar il-ħatra tal-Kulleġġ kollu kemm hu.
L-eżami mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tad-dikjarazzjoni ta’ interessi
Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jwettaq eżami sħiħ tad-dikjarazzjoni dwar l-interessi finanzjarji tal-Kummissarji nnominati – qabel is-seduti ta’ smigħ tal-kumitati tagħhom – sabiex jivvaluta l-kontenut preċiż u komplet kif ukoll il-kunflitti ta’ interess possibbli.
Jekk il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jkollu xi dubji, jista’ jitlob informazzjoni addizzjonali jew jistieden lill-Kummissarju nnominat għal diskussjoni. Jista’ wkoll joħroġ rakkomandazzjonijiet għar-riżoluzzjoni ta’ kunflitt ta’ interess.
Qabel ma jkunu jistgħu jsiru s-seduti ta’ smigħ mal-kumitati rilevanti, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jrid jikkonferma bil-miktub in-nuqqas ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interess. Jekk ma tinstab l-ebda soluzzjoni għal kunflitt ta’ interess partikolari, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jikkonkludi li l-Kummissarju nnominat ma jistax jeżerċita l-funzjoni tiegħu.
Il-proċedura bil-miktub: mistoqsijiet mill-MPE
Il-Kummissarju nnominat irid jipprovdi tweġibiet bil-miktub għal diversi mistoqsijiet, fosthom xi wħud li jsirulu mill-MPE fil-kumitati responsabbli għall-portafoll li għalih ikun ġie assenjat. L-ewwel sett ta’ mistoqsijiet huma dwar il-kompetenza ġenerali, l-impenn Ewropew u l-indipendenza personali tiegħu, il-ġestjoni tal-portafoll u l-kooperazzjoni ppjanata mal-Parlament. Il-kumitati speċjalizzati jħejju sensiela ta’ mistoqsijiet speċifiċi dwar il-portafoll.
Is-CVs tal-Kummissarji nnominati kollha u t-tweġiba tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-PE qabel is-seduti ta’ smigħ.
Is-seduta ta’ smigħ fil-kumitat jew kumitati rilevanti
Il-Kummissarju nnominat jiġimistieden għal seduta ta’ smigħ ta’ tliet sigħat, li tixxandar b’mod dirett, quddiem il-kumitati tal-PE responsabbli għall-portafoll tiegħu. Il-kandidat jagħmel diskors tal-ftuħ ta’ massimu ta’ 15-il minuta u mbagħad iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-MPE.
L-evalwazzjoni wara s-seduta ta’ smigħ tal-kumitati
Il-kumitat jew kumitati responsabbli jridu jiffinalizzaw l-evalwazzjoni tagħhom ta’ Kummissarju nnominat fi żmien 24 siegħa wara s-seduta ta’ smigħ u għandhom jiltaqgħu bil-magħluq “malajr kemm jista’ jkun” għal dak il-għan. Il-kumitat(i) inkarigat(i) mis-seduta ta’ smigħ jista’ wkoll jitlob lill-Kummissarju nnominat għal aktar informazzjoni bil-miktub, jew jorganizza seduta addizzjonali ta’ smigħ iqsar. Il-koordinaturi tal-gruppi politiċi jħejju ittra ta’ evalwazzjoni għal kull kandidat, fejn jiġi ddikjarat jekk kandidat huwiex ikkwalifikat kemm:
- biex ikun “Membru tal-Kulleġġ” (il-Kummissjoni Ewropea) u
- biex iwettaq id-dmirijiet assenjati lilu.
Din l-ittra mbagħad tintbagħat għall-eżami lill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati (KPK) fi żmien 24 siegħa wara li titlesta l-evalwazzjoni. Jekk il-KPK tapprova l-ittra, din tintbagħat b’mod kunfidenzjali lill-Konferenza tal-Presidenti. Rapport ta’ evalwazzjoni separat dwar kull Kummissarju nnominat jintbagħat lill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati u lill-Konferenza tal-Presidenti tal-PE. Din tal-aħħar tfassal abbozz ta’ riżoluzzjoni li mbagħad jittieħed vot fuqu fil-plenarja.
Il-konklużjoni tal-proċess ta’ smigħ
Il-Konferenza tal-Presidenti tiddikjara s-seduti ta’ smigħ magħluqa wara li tkun analizzat l-ittri ta’ evalwazzjoni mill-Kumitati responsabbli u r-rakkomandazzjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati (KPK). F’dan il-punt biss jistgħu jiġu ppubblikati l-ittri ta’ evalwazzjoni u jsiru kummenti dwar l-evalwazzjoni.
Il-votazzjoni ta’ investitura fil-plenarja
Il-President tal-Kummissjoni jqis ir-riżultati tas-seduti ta’ smigħ, kif ukoll il-konsultazzjonijiet mal-gruppi politiċi tal-Parlament. Hu mbagħad jippreżenta t-tim u l-prijoritajiet politiċi tiegħu. Wara dibattitu, l-MPE jiddeċiedu, b’maġġoranza tal-voti mitfugħa, jekk jinvestux il-Kulleġġ tal-Kummissarji l-ġdid għal mandat ta’ ħames snin.