MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-każ ta’ Boualem Sansal fl-Alġerija
22.1.2025 - (2025/2512(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B10‑0087/2025 (Verts/ALE)
B10‑0089/2025 (S&D)
B10‑0091/2025 (Renew)
B10‑0092/2025 (PPE)
B10‑0093/2025 (ECR)
Sebastião Bugalho, Christophe Gomart, Isabel Wiseler‑Lima, Michael Gahler, Luděk Niedermayer, Wouter Beke, Davor Ivo Stier, Michał Wawrykiewicz, Jessica Polfjärd, Tomáš Zdechovský, Andrey Kovatchev, Inese Vaidere
f’isem il-Grupp PPE
Yannis Maniatis, Francisco Assis, Marta Temido
f’isem il-Grupp S&D
Adam Bielan, Ondřej Krutílek, Veronika Vrecionová, Joachim Stanisław Brudziński, Waldemar Tomaszewski, Alexandr Vondra, Marion Maréchal, Sebastian Tynkkynen, Małgorzata Gosiewska
f’isem il-Grupp ECR
Helmut Brandstätter, Petras Auštrevičius, Malik Azmani, Dan Barna, Benoit Cassart, Olivier Chastel, Bernard Guetta, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Urmas Paet, Lucia Yar
f’isem il-Grupp Renew
Leoluca Orlando
f’isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-każ ta’ Boualem Sansal fl-Alġerija
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Alġerija,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 150(5) u 136(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi fis-16 ta’ Novembru 2024 l-awtoritajiet Alġerini arrestaw lill-kittieb Franko-Alġerin Boualem Sansal, li kien ħa pożizzjoni robusta pubblika kontra r-reġim awtoritarju, filwaqt li kien appella għal-libertà tal-espressjoni fl-Alġerija; billi għal aktar minn ġimgħa ma kienx magħruf fejn kien jinsab, u matul dak il-perjodu ġie mċaħħad mill-aċċess għall-familja tiegħu u għall-konsulent legali tiegħu, u dan imur kontra d-dritt internazzjonali; billi Sansal ġie interrogat mingħajr l-avukat tiegħu, u dan huwa ksur tad-dritt tiegħu għal proċess ġust; billi sussegwentement ġie akkużat b’reati relatati mas-sigurtà nazzjonali skont l-Artikolu 87a tal-Kodiċi Penali tal-Alġerija, dispożizzjoni li sikwit tintuża kontra dawk li jikkritikaw lill-gvern, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; billi Sansal iddaħħal l-isptar diversi drabi;
B. billi l-Alġerija hija firmatarja tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, billi l-Alġerija impenjat ruħha li tirrispetta u tippromwovi l-libertà tal-espressjoni f’konformità sħiħa mal-obbligi internazzjonali tagħha, il-prijoritajiet tas-sħubija UE-Alġerija, u l-Kostituzzjoni tagħha; billi fl-2024 ġew adottati emendi ġodda għall-Kodiċi Penali, li jimponu restrizzjonijiet sinifikanti fuq il-libertà tal-espressjoni;
C. billi l-libertà tal-espressjoni fl-Alġerija marret għall-agħar, u l-pajjiż ikklassifika fil-139 post fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa 2024; billi l-ġurnalisti tqiegħdu taħt pressjoni dejjem akbar u sikwit jiġu detenuti u proċessati quddiem il-qrati; billi fl-Alġerija hemm mill-inqas 215-il priġunier tal-opinjoni, skont id-difensuri Alġerini tad-drittijiet tal-bniedem; billi qed ikomplu jiżdiedu ċ-ċensura, il-proċessi quddiem il-qrati u l-pieni ħorox għall-membri tal-media indipendenti, li sikwit jiġu akkużati b’kollużjoni ma’ potenzi barranin kontra s-sigurtà nazzjonali;
D. billi bejn l-2021 u l-2024 l-UE żborżat EUR 213 miljun lill-Alġerija taħt il-Programm Indikattiv Pluriennali;
1. Jikkundanna l-arrest u d-detenzjoni ta’ Boualem Sansal u jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tiegħu;
2. Jikkundanna bl-istess mod l-arresti tal-attivisti, il-priġunieri politiċi, il-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem l-oħra kollha, u ta’ persuni oħra detenuti jew ikkundannati talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, inkluż il-ġurnalista Abdelwakil Blamm u l-kittieb Tadjadit Mohamed, u jitlob il-ħelsien tagħhom;
3. Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lid-Delegazzjoni tal-UE biex b’mod pubbliku jikkondividu t-tħassib tagħhom mal-awtoritajiet Alġerini, u jorganizzaw missjoni medika biex tiġi vvalutata s-saħħa ta’ Sansal;
4. Jistieden lill-awtoritajiet Alġerini jagħmlu rieżami tal-liġijiet repressivi kollha li jirrestrinġu l-libertajiet, b’mod partikolari l-Artikoli 87a, 95a u 196a tal-Kodiċi Penali tal-Alġerija, u l-indipendenza tal-ġudikatura, sabiex tiġi protetta l-libertà tal-istampa kif minquxa fl-Artikolu 54 tal-Kostituzzjoni tal-Alġerija;
5. Itenni, kif minqux fil-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Alġerija, l-importanza tal-istat tad-dritt sabiex tiġi kkonsolidata l-libertà tal-espressjoni; jisħaq li t-tiġdid ta’ dan il-ftehim irid ikun ibbażat fuq progress kontinwu u sostanzjali fl-oqsma msemmija hawn fuq u jenfasizza li l-iżborżi futuri kollha tal-fondi tal-UE għandhom iqisu l-progress li jkun sar f’dan ir-rigward;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex din ir-riżoluzzjoni tiġi tradotta bl-Għarbi u tintbagħat lill-Awtoritajiet Alġerini, lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ.