Ħarsa ġenerali
Il-kwalità tal-ħajja tal-Ewropa tiddependi fuq provvista sigura u affordabbli ta’ ikel lokali ta’ kwalità. Aħna ngawdu l-aktar ikel tajjeb għas-saħħa u tal-ogħla kwalità fid-dinja, u dan bis-saħħa tal-azjendi agrikoli tagħna u s-settur agroalimentari usa’. Il-Kummissjoni Ewropea se taħdem biex tiżgura li l-biedja tibqa’ parti ewlenija tal-istil ta’ ħajja Ewropew u se jkollha l-għan li tagħti spinta lis-sostenibbiltà u l-kompetittività tal-ekonomija blu tagħna.
Dan se jimxi id f’id mal-protezzjoni tad-dinja naturali tagħna, li hija d-dar għal ħafna Ewropej u faċilità importanti għalihom, filwaqt li huwa essenzjali biex nirregolaw il-klima tagħna u niżguraw is-sigurtà tal-ikel u tal-ilma. L-ilma huwa riżorsa trasversali meħtieġa għall-produzzjoni tal-ikel, is-saħħa, l-infrastruttura, il-protezzjoni tal-ekosistema u l-ekonomija kollha kemm hi. Aħna u nitgħallmu ngħixu bl-impatti tat-tibdil fil-klima, se niżguraw li nkomplu nadattaw u nkunu ppreparati aħjar għall-isfidi li ġejjin.
Ħarsa lejn in-numri
Objettivi
Matul il-mandat tal-Kummissjoni bejn l-2024 u l-2029 u biex insostnu l-kwalità tal-ħajja tagħna, se
- nibnu sistema agrikola u tal-ikel kompetittiva u reżiljenti u nissalvagwardjaw il-bijodiversità
biex nappoġġaw il-bdiewa tagħna u nissalvagwardjaw l-ikel tajjeb għal saħħitna
- Nadattaw u nħejju għal klima li qed tinbidel
biex inkunu lesti u ngħinu lil dawk affettwati
Kif se nilħquhom l-objettivi tagħna
Biex issostni l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal-UE, il-Kummissjoni se
Il-Kummissjoni se
- tippreżenta Viżjoni għall-Agrikoltura u l-Ikel biex jiġu żgurati l-kompetittività u s-sostenibbiltà fit-tul tas-settur tal-biedja tagħna
- tiżgura li l-baġit tal-UE u l-politika agrikola komuni tal-UE jkunu mmirati, bil-bilanċ it-tajjeb bejn l-inċentivi, l-investimenti u r-regolamentazzjoni
- tappoġġa l-azjendi agrikoli tal-familja u tippermetti lill-bdiewa jaħdmu l-art tagħhom mingħajr burokrazija eċċessiva
- tippremja lill-bdiewa li jaħdmu man-natura, jippreservaw il-bijodiversità u l-ekosistemi naturali u jgħinu jiddekarbonizzaw l-ekonomija tagħna
- tappoġġa l-kompetittività tal-katina tal-valur tal-ikel kollha permezz tal-investiment u l-innovazzjoni fl-azjendi agrikoli, fil-kooperattivi, fin-negozji agroalimentari u fl-SMEs
- tħares is-sovranità tal-ikel tal-Ewropa, inkluż is-sajd fil-komunitajiet kostali tagħna
- tipproponi Patt Ewropew dwar l-Oċeani li jagħti spinta lill-ekonomija blu u jiżgura s-sostenibbiltà tal-oċeani tagħna
- issaħħaħ is-sigurtà tal-ilma tal-Ewropa u tippromwovi l-kompetittività tal-industrija tal-ilma tal-UE billi tippreżenta Strateġija Ewropea għar-Reżiljenza tal-Ilma
- taħdem fuq inċentivi għal azzjonijiet pożittivi għan-natura u investimenti privati fin-natura, b’mod partikolari billi tiżviluppa krediti tan-natura
- taħdem biex tilħaq l-impenji internazzjonali tagħna dwar il-bijodiversità, bħal dawk meħuda fil-Ftehim ta’ Kunming-Montreal

Wieħed mill-akbar riskji għas-sigurtà tagħna huwa l-impatt tat-tibdil fil-klima. Għalhekk se
- nimmiraw li niżviluppaw Mekkaniżmu Ewropew għad-Difiża Ċivili, li jħares lejn l-aspetti kollha tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tad-diżastri, filwaqt li nsaħħu r-reżiljenza tal-komunitajiet
- inżidu l-ħidma fuq ir-reżiljenza u t-tħejjija għat-tibdil fil-klima
- niżviluppaw Pjan Ewropew ta’ Adattament għat-Tibdil fil-Klima, biex nappoġġaw lill-Istati Membri fit-tħejjija u l-ippjanar u niżguraw valutazzjonijiet tar-riskju regolari bbażati fuq ix-xjenza

Fiċ-ċentru tal-attenzjoni
Bejn l-10 u t-12 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni torganizza l-Jiem Agroalimentari tal-UE, avveniment annwali li jlaqqa’ flimkien il-partijiet ikkonċernati tas-sistema agroalimentari, is-soċjetà ċivili, il-konsumaturi, l-esperti mid-dinja akkademika u dawk li jfasslu l-politika minn madwar l-UE. Fil-messaġġ tal-ftuħ tagħha, il-President von der Leyen enfasizzat l-azzjonijiet meħuda biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-bdiewa, mit-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi għat-titjib tal-pożizzjoni tagħhom fil-katina tal-valur agroalimentari u l-introduzzjoni ta’ inċentivi għall-bdiewa żgħażagħ. Dalwaqt, il-Kummissjoni se tippreżenta wkoll Viżjoni ġdida għall-Agrikoltura u l-Ikel, li se teżamina kif għandhom jiġu appoġġati l-kompetittività u s-sostenibbiltà tas-settur agroalimentari.
Min hu inkarigat?

Il-Kummissarju għas-Saħħa u għall-Benesseri tal-Annimali

Il-Kummissarju għall-Klima, l-Emissjonijiet Żero Netti u t-Tkabbir Nadif

Il-Kummissarju għas-Sajd u għall-Oċeani

Il-Kummissarju għall-Ugwaljanza kif ukoll għall-Preparatezza u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet

Il-Kummissarju għall-Ambjent u għar-Reżiljenza tal-Ilma u għal Ekonomija Ċirkolari Kompetittiva

Il-Kummissarju għall-Agrikoltura u għall-Ikel