L-ivvjaġġar bl-annimali tad-dar u annimali oħra fl-UE

L-ivvjaġġar b’annimali tad-dar: il-klieb, il-qtates u l-inmsa

Ir-regoli tal-UE jagħmluha faċli li wieħed jivvjaġġa lejn pajjiż ieħor tal-UE (f’dan il-każ is-27 pajjiż tal-UE + n-Norveġja u l-Irlanda ta’ Fuq) bil-kelb, il-qattus jew in-nemes tiegħek. Dawn ir-regoli jkopru wkoll l-ivvjaġġar lejn l-UE minn pajjiż jew territorju barra l-UE.

Bi ftit eċċezzjonijiet, l-annimal tad-dar tiegħek jista’ jivvjaġġa miegħek lejn pajjiż ieħor tal-UE jew minn pajjiż mhux tal-UE lejn pajjiż tal-UE jekk:

  • ġie mikroċippjat (f’konformità mar-rekwiżiti tekniċi tal-Anness II tar-Regolament tal-UE dwar il-moviment ta’ annimali tad-dar) jew għandu tattwaġġ li jista’ jinqara b’mod ċar jekk ġie applikat qabel it-3 ta’ Lulju 2011
  • tlaqqam kontra l-marda tar-rabja
  • għadda minn test tat-titrazzjoni tal-antikorpi tar-rabja, meta jkun qed jivjaġġa minn pajjiż mhux tal-UE (uża l-għodda ta’ hawn taħt biex tivverifika jekk dan huwiex rekwiżit għall-pajjiż mhux tal-UE li qed tivvjaġġa minnu)
  • ħa l-kura kontra d-duda ‎‎Echinococcus multilocularis, fejn iż-żona ta’ destinazzjoni tiegħek hija ħielsa minn din id-duda (il-Finlandja, l-Irlanda, Malta, in-Norveġja u l-Irlanda ta’ Fuq)
  • għandu passaport Ewropew għall-annimali tad-dar validu, meta jkun qed jivvjaġġa minn pajjiż tal-UE jew l-Irlanda ta’ Fuq lejn pajjiż ieħor tal-UE jew l-Irlanda ta’ Fuq jew ċertifikat tas-saħħa tal-annimali tal-UE, meta jkun qed jivvjaġġa minn pajjiż mhux tal-UE.

Twissija

Ir-regoli tal-UE deskritti hawn fuq dwar l-ivvjaġġar bl-annimali tad-dar japplikaw għall-vjaġġi privati b’annimali tad-dar li ma jinvolvux bidla tas-sjieda jew bejgħ.

Id-dokumenti tal-ivvjaġġar għall-kelb, il-qattus jew in-nemes tiegħek

Il-passaport Ewropew għall-annimali tad-dar

Il-passaport Ewropew għall-annimali tad-dar huwa dokument li jsegwi mudell standard tal-UE u huwa mandatorju għall-ivvjaġġar bejn il-pajjiżi tal-UE. Il-passaport Ewropew għall-annimali tad-dar (għall-klieb, il-qtates u l-inmsa) jinħareġ biss lis-sidien tal-annimali domestiċi li huma residenti fl-UE. Fih deskrizzjoni u dettalji tal-annimal tad-dar tiegħek, inkluż il-kodiċi tal-mikroċippa jew tat-tatwaġġ kif ukoll ir-rekords saħħa tal-annimali tiegħu (eż. it-tilqim kontra l-marda tar-rabja) u d-dettalji ta’ kuntatt tas-sid u l-veterinarju li ħareġ il-passaport. Tista’ tikseb passaport Ewropew għall-annimali tad-dar, għall-kelb, il-qattus jew in-nemes tiegħek minn kwalunkwe veterinarju awtorizzat (li jkollu permess mill-awtoritajiet rilevanti biex joħroġ passaporti għall-annimali tad-dar). Il-passaport għall-annimali tad-dar huwa validu għal ħajjithom kollha sakemm l-informazzjoni (eż. it-tilqim kontra l-marda tar-rabja) tas-saħħa tal-annimal tad-dar tiegħek tkun aġġornata.

Twissija

Jekk qed tivvjaġġa lejn pajjiż tal-UE jew l-Irlanda ta’ Fuq minn Andorra, l-Iżvizzera, il-Gżejjer Faeroe, Ġibiltà, Greenland, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, Monaco, in-Norveġja, San Marino, l-Istat tal-Belt tal-Vatikan, l-annimal tad-dar tiegħek jista’ jidħol ukoll fl-UE b’passaport tal-annimali tad-dar maħruġ f’wieħed minn dawn il-pajjiżi jew territorji.

Iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali tal-UE

Iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali tal-UE huwa tip ieħor ta’ dokument ta’ identifikazzjoni, li fih informazzjoni speċifika dwar l-annimal tad-dar tiegħek (identità, saħħa, tilqim kontra l-marda tar-rabja), u huwa meħtieġ għall-ivvjaġġar lejn l-UE minn pajjiż jew territorju barra mill-UE. Huwa bbażat ukoll fuq mudell standard tal-UE.

Jekk qed tivvjaġġa minn pajjiż jew territorju mhux tal-UE, l-annimal tad-dar tiegħek irid ikollu ċertifikat tas-saħħa tal-annimali tal-UE maħruġ minn veterinarju uffiċjali tal-Istat fil-pajjiż tat-tluq mhux aktar minn 10 ijiem qabel ma l-annimal tad-dar tiegħek jasal fl-UE. Iċ-ċertifikat huwa validu għall-ivvjaġġar bejn il-pajjiżi tal-UE għal 4 xhur minn din id-data jew sakemm jiskadi t-tilqim kontra l-marda tar-rabja, liema minnhom jiskadi l-ewwel.

Barra minn hekk, għandek ukoll timla u tehmeż dikjarazzjoni bil-miktub maċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali tal-UE tal-annimal tad-dar tiegħek li tiddikjara li r-rilokazzjoni tiegħu hija għal raġunijiet mhux kummerċjali. Din id-dikjarazzjoni hija meħtieġa wkoll jekk l-annimal tad-dar tiegħek qed jivvjaġġa taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna awtorizzata minnek. F’dan il-każ, il-vjaġġ tiegħek irid ikun fi żmien 5 ijiem mill-vjaġġ tal-annimal tad-dar/tal-persuni awtorizzati.

Twissija

Mill-1 ta’ Jannar 2021, il-passaporti tal-UE għall-annimali tad-dar maħruġa lil sid ta’ annimal tad-dar residenti fil-Gran Brittanja m’għadhomx validi għall-ivvjaġġar b’annimali tad-dar mill-Gran Brittanja lejn pajjiż tal-UE jew l-Irlanda ta’ Fuq.

Id-dħul fl-UE bl-annimal tad-dar tiegħek

Fil-prinċipju, tista’ tidħol biss fl-UE bl-annimal tad-dar tiegħek permezz ta’ punt tad-dħul magħżul għall-vjaġġaturi fil-pajjiż ta’ destinazzjoni tal-UE (uża l-għodda ta’ hawn taħt biex tiċċekkja jekk dan huwiex rekwiżit għall-pajjiż mhux tal-UE li qed tivvjaġġa minnu). Fil-mument tad-dħul, l-awtoritajiet kompetenti jiċċekkjaw id-dokumenti u l-identità tal-annimal domestiku tiegħek. Jekk l-annimal tad-dar ma jgħaddix minn dawn il-kontrolli tal-konformità, jista’ jintbagħat lura lejn il-pajjiż tat-tluq, jitqiegħed fi kwarantina sakemm ikun konformi mar-regoli tas-saħħa tal-UE jew jekk l-ebda waħda minn dawn l-għażliet ma tkun possibbli, l-annimal jista’ jiġi ewtanizzat.

L-annimali tad-dar li jivvjaġġaw mingħajr sidhom

Bħala regola, l-annimali tad-dar għandhom jivvjaġġaw ma’ sidhom. Jekk ma tkunx tista’ tivvjaġġa mal-annimal tad-dar tiegħek, tista’ tagħti permess bil-miktub lil persuna oħra biex takkumpanja lill-annimal tad-dar tiegħek (din id-dikjarazzjoni bil-miktub hija deskritta hawn fuq). Madankollu, dan huwa permess biss jekk il-vjaġġ tiegħek ikun fi żmien 5 ijiem mill-vjaġġ tal-annimal tad-dar/tal-persuna awtorizzata.

Twissija

Jekk l-annimal tad-dar tiegħek qed jivvjaġġa mhux akkumpanjat, se jkollu jikkonforma mar-regoli dwar is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-importazzjoni fl-UE jew għall-kummerċ fi ħdan l-UE ta’ klieb, qtates jew inmsa.

L-ivvjaġġar b’aktar minn ħames annimali tad-dar

Tista’ tivvjaġġa b’mhux aktar minn ħames annimali tad-dar, iżda jekk ikun hemm aktar minn ħames annimali tad-dar (klieb, qtates jew inmsa) trid tipprovdi prova li:

  • qed jipparteċipaw f’kompetizzjoni, f’wirja, jew f’avveniment sportiv (billi tipprovdi pereżempju, id-dokument tar-reġistrazzjoni), u
  • ikollhom aktar minn 6 xhur.

Twissija

Jekk qed tivvjaġġa b’aktar minn 5 annimali tad-dar (klieb, qtates jew inmsa) u ma tissodisfa l-ebda waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija hawn fuq, l-annimali tad-dar tiegħek iridu jikkonformaw mar-regoli tas-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-importazzjoni fl-UE jew għall-kummerċ fi ħdan l-UE ta’ klieb, qtates jew inmsa.

Iċċekkja r-regoli dettaljati meta tivvjaġġa mal-kelb, il-qattus jew in-nemes tiegħek:

Agħżel il-pajjiż li qed tivvjaġġa minnu:

Ivvjaġġar b’annimali tad-dar oħra

Il-passaporti Ewropej għall-annimali tad-dar jinħarġu għall-klieb, il-qtates u l-inmsa biss. Jekk qed tivvjaġġa lejn pajjiż ieħor tal-UE b’xi annimali tad-dar oħra, bħal għasafar, annimali akkwatiċi ornamentali, rettili, rodituri jew fniek, iċċekkja r-regoli nazzjonali tal-pajjiż fejn qed tippjana li żżur għall-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul.

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 22/11/2024
Ikkondividi din il-paġna