Mistoqsijiet frekwenti - Kopertura tas-saħħa għal żjarat temporanji
Teżisti lista sħiħa tat-tipi ta’ kura u trattament mediku koperti bil-Karta tal-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC)?
Le. L-EHIC tkopri kull kura medika jew trattament li ma jistax jistenna sakemm tasal
lura miż-żjara tiegħek f’pajjiż ieħor tal-UE.
Min jiddeċiedi jekk xi trattament mediku jkunx “meħtieġ”?
Il-fornitur tal-kura tas-saħħa jiddetermina, skont il-kundizzjoni medika tiegħek u
t-tul taż-żjara tiegħek, jekk trattament partikolari huwiex meħtieġ u ma jistax jistenna
sakemm tasal lura f'pajjiżek.
L-assiguratur tas-saħħa nazzjonali tiegħi ma tanix EHIC. Minflok, tani Ċertifikat Proviżorju ta’ Sostituzzjoni. Dan id-dokument jagħtini aċċess għall-istess trattament mediku bħall-EHIC matul żjara temporanja f'pajjiż ieħor?
Iva. Iċ-Ċertifikat Provviżorju ta’ Sostituzzjoni huwa evidenza li int intitolat għall-istess
drittijiet bħall-EHIC. Madankollu, l-assiguraturi ma għandhomx joħduha drawwa li jipprovdu
ċertifikat ta’ sostituzzjoni minflok tal-EHIC. Iċ-Ċertifikat Provviżorju ta’ Sostituzzjoni
għandu jinħareġ meta ċirkostanzi eċċezzjonali jipprevjenu l-ħruġ ta’ EHIC, meta pereżempju
l-kard tintilef jew tinsteraq meta tkun diġà f'pajjiż ieħor, jew jekk tkun qed tivvjaġġa
għal żmien qasir wisq biex tinħariġlek l-EHIC.
Għandu jkolli assigurazzjoni tal-ivvjaġġar apparti l-EHIC?
Le. M’intix obbligat li jkollok assigurazzjoni tal-ivvjaġġar meta tivvjaġġa fl-UE. Madankollu,
l-EHIC mhix se tkopri l-kura tas-saħħa medika privata jew spejjeż bħal ta’ salvataġġ
fil-muntanji f’postijiet tal-iskijing, proprjetà mitlufa jew misruqa jew ripatrijazzjoni.
Għalhekk, jekk tixtieq tkun kopert għal riskji bħal dawn, ikun tajjeb li tagħmel assigurazzjoni
tal-ivvjaggar apparti l-EHIC tiegħek.
M’iniex ċittadin tal-UE però nħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali f’pajjiż tal-UE. Jista’ jkolli l-EHIC?
Iva. Jekk int kopert minn skema statutorja għall-mard f’pajjiż tal-UE u qed tippjana li
tivvjaġġa lejn pajjiż ieħor tal-UE inti eliġibbli għall-EHIC. Hemm eċċezzjoni waħda
biss: iċ-ċittadini mhux tal-UE ma jistgħux jużaw l-EHIC tagħhom fid-Danimarka, l-Iżlanda,
il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera jew jiksbu EHIC jekk ikunu assigurati
hemmhekk.
Jiena tqila. Nista’ nuża l-EHIC għall-kontrolli ta’ kura ta’ qabel it-twelid ta’ rutina f’pajjiż ieħor tal-UE? Tkoprini wkoll jekk nippjana li nwelled barra mill-pajjiż?
L-EHIC tkopri eżamijiet mediċi u tal-kura kollha relatati mat-tqala tiegħek en, inkluż twelid mhux ippjanat (pereżempju, jekk jaqbdek l-uġigħ tal-ħlas waqt li tkun
fuq vjaġġ barra pajjiżek).
Għandi marda kronika li jkolli bżonn nara tabib regolarment. Nista’ nuża l-EHIC għal dan it-tip ta’ kura medika waqt żjara temporanja barra pajjiżi?
Iva. Jekk għandek kundizzjoni medika kronika (bħal dijabete, ażma, kanċer, jew ħtieġa
għal dijaliżi) int intitolat għal trattament li hija kkunsidrata meħtieġa en għall-kundizzjoni medika tiegħek u t-tul taż-żjara tiegħek. Jekk jogħġbok żomm f’moħħok
li għal kull trattament fejn huwa meħtieġ staff jew tagħmir speċjali (pereżempju,
dijaliżi, terapija bl-ossiġenu, u kimoterapija), għandek tikseb ftehim ma’ fornitur
tal-kura tas-saħħa qabel ma tivvjaġġa barra mill-pajjiż. Għandek tinnota wkoll li
l-EHIC ma tintitolakx għal trattamenti skedati, jiġifieri ma għandhiex tkopri l-ispejjeż
mediċi jekk l-għan tal-vjaġġ tiegħek huwa li ssib trattament.
L-aħħar verifika: 07/12/2023