Voltaire
François-Marie Arouet, magħruf iżjed bil-laqam ta' Voltaire (Pariġi, 21 ta' Novembru 1694[1] – Pariġi, 30 ta' Mejju 1778) kien filosfu, kittieb, drammaturgu u poeta Franċiż. Kien wieħed mill-ikbar animaturi u esponenti tal-Illuminiżmu u l-isem ta' Voltaire jibqa' għal dejjem marbut ma' dan il-moviment kulturali.
Bijografija
Il-bidu
François-Marie Arouet Le Jeune uffiċjalment twieled fil-21 ta' Novembru fl-1694 f'Pariġi minn familja għanja tal-borgeżija. Kif qal l-għaref stess bosta drabi, id-data tat-twelid meħuda mir-reġistru tal-magħmudija, hi x'aktarx ħażina billi kellu ħafna problemi tas-saħħa u l-magħmudija setgħet saret xi disa' xhur wara. Missieru, François Arouet, kien nutar għani u Ġansenista ħerqan, waqt li ommu, Marie Marguerite d'Aumart, kienet ġejja minn familja qrib in-nobbiltà. Ħuha, minn naħa l-oħra – dejjem skont Voltaire – kien Ġansenista fanatiku.
Beda l-istudji tiegħu fl-1704 fil-kulleġġ magħruf tal-Ġiżwiti ta' Louis-le-Grand. Dak iż-żmien iż-żagħżugħ Voltaire wera ħerqa kbira għall-istudji umanistiċi: fuq kollox għar-retorika u l-filosofija. Minkejja li kien kritiku ħafna tal-Ġiżwiti, rabba ammirazzjoni kbira lejn l-għalliema tiegħu u l-ħidma tal-Kumpanija ta' Ġesù fiċ-Ċina u l-Paragwaj. Fl-1711 ħalla l-kulleġġ u nkiteb skont ix-xewqa ta' missieru, fl-iskola superjuri tal-liġi. Ir-relazzjonijiet ma' missieru marru għall-agħar, għax dan ma kienx jaqbel mal-vokazzjoni poetika li kien qiegħed jaqbad u l-ħbiberija kontinwa ma' gruppi libertini.
Eżilju fl-Ingilterra
Il-kitba polemika tiegħu għamlet suċċess minnufih fis-salotti tan-nobbli; minħabba xi wħud mill-versi tal-1717, kontra ir-reġġenti ta' Franża Filippu t'Orléans, ġie arrestat u maqful fil-ħabs tal-Bastilja. Fl-1723 ippublika l-poeżija La Ligue li kien kiteb fil-ħabs. Fl-1728, dan ix-xogħol reġa' ġie ppubblikat bit-titlu ta' Henriade.
L-appoġġ li wrew għall-ewwel in-nobbli ta' Franza ma damx wisq ma għeb. Minħabba l-kitba niggieża tiegħu daħal fi ġlieda mal-Kavallier de Rohan. Dan ġiegħel lis-sefturi tiegħu jagħtu xebgħa lil Voltaire u ma laqax l-istedina tiegħu għal dwell. Il-protesti tal-poeta żagħżugħ għamlu kollox agħar u reġa' ntefa' l-ħabs. Wara żmien qasir ta' eżilju barra Pariġi, Voltaire kellu jemigra lejn l-Ingilterra (1726-1729). Fil-Gran Brittanja, fejn kien jaf ħafna kittieba u filosfi ta' kultura demokratika, fosthom Robert Walpole, Jonathan Swift, Alexander Pope u George Berkeley, żviluppa l-ideat Illuministi kontra l-assolutiżmu fewdali ta' Franza. Hemmhekk kiteb l-Ittri Ingliżi (jew Ittri Filosofiċi), li għalihom ġie kundannat mill-ġdid billi dawn kienu immirati kontra l-ancien régime. Matul l-eżilju ħa l-laqam ta' "Voltaire". In-nisel ta' dan l-isem mhux żgur u hu s-suġgett ta' ħafna dibattitu:[2]
- "Voltaire" jista' jkun li ġej mill-anagramma ta' Arouet LJ (le jeune, "iż-żagħżugħ") miktub b'ittri arkaiċi, li bihom J tinkiteb I u U tinkiteb V (AROVET LI, li tiġi VOLTAIRE).
- Teorija oħra tgħid li ġej mill-isem "Airvault" (Vaultair bis-sillabi maqlubin) ta' château żgħir li kellha ommu fir-reġjun ta' Poitou.
- Oħrajn isostnu li l-laqam hu l-anagramma sillabiku ta' "révolté" (letteralment "f'rewwixta"): révolté sar "re-vol-tai", u minnu "Voltaire".
Lura Franza
Kien għadu eżiljat f'Lorraine, reġjun ta' Franza, minħabba x-xogħol l-istorja ta' Karlu XII (Histoire de Charles XII) tal-1731, meta kiteb it-traġedja Brutu (Brutus) u wara Il-fanatiżmu jew Muħammet (Le fanatisme ou Mahomet), Mérope, it-trattat Elementi tal-filosofija ta' Newton (Eléments de la philosophie de Newton) u wkoll ix-xogħol storiku Is-seklu ta' Lwiġi XIV (Le Siècle de Louis XIV). Dak iż-żmien beda relazzjoni mal-mara nobbli Madame du Châtelet, u, xi snin wara man-neputija tagħha, Madame Denis.
Fl-1746 sar membru tal-Académie Française.
Fil-Prussja u l-Iżvizzera
Mill-1749 għall-1752 kien joqgħod Berlin, mistieden ta' Federiku II tal-Prussja, li kien jammirah u ħatru ċambellan. Voltaire kien jinqala' ħafna fl-ispekulazzjoni finanzjarja u minħabba fiha kellu x'jgħid mar-re li ġiegħel li jarrestawh bil-ħruxija għal żmien qasir fi Frankfurt. Wara dan l-inċident, għaddew ħafna snin qabel ma reġgħu għamlu paċi.
Billi ma setax jerġa' lura Pariġi, mar joqgħod Ġinevra, sakemm kisirha mar- Repubblika Kalvinista u fl-1755 mar jgħix Lożanna fil-kastelli ta' Ferney u Tournay, li kien xtara. F'dan il-perjodu kiteb it-traġedja Oreste (1750), meqjusa bħala waħda mix-xogħlijiet minuri tat-teatru ta' Voltaire.
Sa daż-żmien kien sar famuż u punt ta' riferiment għall-Ewropa illuminista kollha. Bil-parodija ta' Ġovanna t'Arc fit-Tfajla ta' Orléans (La Pucelle d'Orléans) daħal f'polemika mal-knisja kattolika. F'Candide jew l-ottimiżmu (Candide ou l'Optimisme) (1759), per mezz tal-allegorija, Voltaire waqqa' għaċ-ċajt ir-reliġjon, it-teologi, il-gvernijiet, l-armati, il-filosfiji u l-filosfi u b'iżjed qawwa attakka l-ottimiżmu ta' Gottfried Leibniz. Ir-rumanz, li baqa' l-espressjoni letterarja tal-ħsieb tiegħu l-iżjed li rnexxiet, kien kontra kull providenzjaliżmu u fataliżmu. Minnu beda kampanja akkanita kontra s-superstizzjoni u l-fataliżmu favur iżjed tolleranza u ġustizzja.
B'dan it-tir kiteb it-Trattat fuq it-tolleranza (Traité sur la tolérance) (1763) u d-Dizzjunarju filosofiku (Dictionnaire philosophique) (1764). Fl-aħħar xogħol filosofiku tiegħu, Il-filosfu injorant (Le philosophe ignorant) (1766), Voltaire insista fuq il-limitazzjoni tal-libertà umana, li qatt ma tikkonsiti fl-assenza ta' xi mottiv jew determinazzjoni.
Il-mewt f'Pariġi
Fl-1778 mar lura Parigi fejn daħal fil-Mażunerija u miet xahar wara. Fit-28 ta' Frar 1778, erba' xhur qabel mewtu, f'ittra lis-segretarju tiegħu Vagnière, stqarr:
Immut nadura lil Alla, inħobb lil ħbiebi, ma nobgħodx l-għedewwa tiegħi, nistmerr is-superstizzjoni.[3] |
Minkejja s-suċċessi li kellu ma ndifinx bil-knisja. Din tidher li kienet ukoll ir-rieda tiegħu għax meta qabel ma miet qassis stiednu biex iqerr, irrifjuta u qallu "Issa mhux il-ħin li nagħmel ħbieb ġodda". Fl-1794, matul ir-Rivoluzzjoni Franċiża il-fdalijiet tiegħu ittieħdu fil-Panthéon ta' Pariġi.
Ideat politiċi
Voltaire ma kienx jemmen li Franza (u in ġenerali l-ebda nazzjon) kienet lesta għal demokrazija sħiħa: għalhekk qatt ma kien jaqbel mal-ideat repubblikani (allavolja, wara mewtu sar wieħed mill-"missirijiet" tar-Rivoluzzjoni). Imbiegħed mill-ideat populisti u radikali, ħlief fejn kienet tidħol ir-reliġjon fil-politika (kien antiklerikali konvint), il-pożizzjoni politika tiegħu kienet ta' wieħed liberali moderat, kontra n-nobbiltà u favur monarkija kostituzzjonali tat-tip Ingliż. Madanakollu billi kien jibża' li l-aristokrazija jieħdu f'idejhom ħafna poter żejjed akkost tal-borgeżija u r-re, kien favur l-assolutiżmu mdawwal u, għal ċerti żminijiet kien qrib ħafna l-politika ta' Katerina II tar-Russja u Federiku II tal-Prussja. F'dak li kellu x'jaqsam mas-sistema ġudizzjarju kien kontra t-tortura u l-piena tal-mewt (ħlief f'ċerti każi) u kien laqa' ħafna l-ideat ta' Cesare Beccaria.
Iżjed fil-fond
Is-sehem tal-Ingilterra fil-filosofija Voltairjana
Fost l-esperjenzi l-iżjed sinjifikattivi tal-ħajja intelletwali ta' Voltaire irridu ngħoddu żgur il-vjaġġi fl-Olanda u fuq kollox fl-Ingilterra; hemm iż-żagħżugħ Pariġin rahom jipprattikaw it-tolleranza reliġjuża u l-libertà tal-espressjoni ta' ideat politiċi, filosofiċi u xjentifċi. Għal wieħed li ma kienx jissaporti r-repressjoni mill-ħakkiema u l-kleru (forsi ħaġa li kienet ġejja mill-esperjenza li kellu fl-iskejjel riġidi tal-Ġiżwiti) l-Ingilterra għalih dehret bħala s-simbolu ta' ħajja mdawla u ħielsa.
Voltaire intefa' fuq il-kultura Ingliża fejn studja d-duttrina rivoluzzjunarja xjentifika ta' Newton u d-deiżmu u l-empiriżmu ta' Locke u għama warajhom. Minn din il-laqa' mal-filosofija Ingliża, ħareġ kunċett ta' xjenza msejsa fuq l-esperimenti, li kien jifhmu bħala d-determinazzjoni tal-liġijiet tal-fenomeni, u kunċett ta' filosofija li kien jifhmu bħala analiżi u kritika tal-esperjenza umana f'oqsma diversi. Hekk twieldu l-"Lettres sur les anglais" jew "Lettres philosophiques" (1734) li fetħu u wessgħu ix-xefaq razzjonali Ewropew imma fl-istess ħin ġibdu fuqu burraxka ta' persekuzzjoni.
"Le Lettres" kienu kkundannati, f'dak li għandu x'jaqsam mal-prinċipji reliġuzi, minn dawk kollha li dehrilhom li kien hemm il-ħtieġa politika ta' twemmin wieħed. Min-naħa politika, fih Voltaire faħħar l-onorabbiltà tal-kummerċ u l-libertà u oppona bla mistħija ir-regime Franċiz ibbażat fuq it-tradizzjoni. Mill-lat filosofiku, u fl-isem l-empiriżmu, ipprova jofroq it-tfittix xjentifiku mis-subordinazzjoni antika għall-verità reliġjuża. Il-programm filosofiku tiegħu Voltaire spjegah b'mod iżjed preċiż iktar tard fit-"Traité de métaphisique"(1734), il-"Métaphisique de Newton"(1740), "Remarques sur les pensées de Pascal"(1742), id-"Dictionnaire philosophique"(1764), il-"Philosophe ignorant"(1766), biex insemmu l-iżjed importanti.
Ir-reliġjon naturali
Il-problema prinċipali għal Voltaire kien l-eżistenza ta' Alla, li l-għarfien tagħha hu fondamentali biex naslu għal nozzjoni meqjusa tal-bniedem. Il-filosfu, l-eżistenza ta' Alla, ma ċaħadhiex bħalma għamlu xi Illuministi oħra li stqarru li kienu atej (Diderot, D'Holbach u oħrajn) għaliex ma sabux prova tal-eżistenza ta' Esseri Suprem, imma ħa pożizzjoni anjostika. Ra l-prova tal-eżistenza t'Alla fl-ordni kbira li hemm fl-univers. Hekk kif kull xogħol irid xi ħadd li għamlu, Alla jeżisti bħala l-awtur tad-dinja. Jekk irridu nagħtu kawża għall-eżistenza tal-esseri, hemm bżonn nammettu li jeżisti esseri ħallieq. Kien jgħid[4]:
L-univers iħawwadni, u ma nistax nara Kif hemm dan l-arloġġ u m'hemmx arluġġara. |
Il-pożizzjoni tiegħu kienet waħda deista; Alla jeżisti u minkejja li nsibu ħafna diffikultajiet f'din il-fehma, id-diffikutajiet huma ikbar jekk nieħdu l-opinjoni kuntrarja. L-Alla ta' Voltaire mhux l-alla rivelat, u lanqas l-alla fis-sens panteista, bħal dak ta' Spinoza. Hu tip ta' Arkittet Kbir tal-Univers, arluġġar ta' magna perfetta. Voltaire ma ċaħadx il-Providenza, imma mhux dik tat-tip nisrani; skond il-fehma tiegħu (bħal ħafna ta' żmienu), il-bniedem kien hieni fl-istat tan-natura, għax kellu l-istint u r-raġuni, imma ċ-ċiviltà ħassret din l-hena: mela jeħtieġ li naċċettaw id-dinja kif inhi u nippruvaw intejbuha kemm nistgħu. Din il-fehma, kienet imsaħħa mill-istudju tax-xjenza ta' Newton, li fittxet il-liġijiet tal-fenomeni u mhux il-kawżi tagħhom, u hekk kellha konnessjoni qawwija mal-metafiżika teistika, għax timplika twemmin razzjonali f'esseri suprem. Voltaire kien jemmen f'Alla li jaqqgħad, Alla tal-bnedmin kollha: universali bħar-raġuni, Alla ta' kulħadd.
Waħda mill-għedewwa kbar tiegħu kienet il-Knisja kattolika (li kienet issejjaħlu l-infami), u hu ipprova ikkisser il-Kattoliċeżmu billi jippriedka l-validità tar-reliġjon naturali. It-twemmin tiegħu fil-prinċipji tal-morali naturali kellu l-għan li jaqqgħad spiritwalment il-bnedmin, ikunu x'ikunu d-differenzi fid-drawwiet u l-użanzi tagħhom, u għalhekk fit-"Trattat fuq it-tolleranza" (1763), saħaq fuq it-tolleranza kontra l-fanatiżmu u s-superstizzjoni (li kienu għar-reliġjon bħal ma kienet l-astrologija għall-astronomija) u per mezz ta' ħafna kitba oħra antiklerikali saħaq fuq il-lajċità. Biex ir-reliġjonijiet pożittitivi jinħelsu minn dawn il-feriti, jinħtieġ li dawn il-kulti (il-Kristjaneżmu wkoll) jinbidlu fir-reliġjon naturali, u jeħilsu mill-patrimonju dogmatiku tagħhom u jimxu mad-dawl tar-raġuni.
Mill-Kristjaneżmu Voltaire aċċetta t-tagħlim morali, jiġifieri s-sempliċità, l-umanità, il-karità, u kien tal-fehma li meta nippruvaw nirriduċu din id-duttrina għall-metafiżika nagħmluha għajn ta' żbalji. Ħafna drabi Voltaire faħhar id-duttrina Nisranija kif ippriedkaha Kristu u d-dixxipli tiegħu, u waħħal għad-deġenerazzjoni fil-fanatiżmu fl-istruttura li l-bnedmin, u mhux Kristu, taw lill-knisja . Il-Kristjaneżmu jekk ngħixuh b'mod razzjonali, jaqbel sewwa mal-liġi tan-natura.
Voltaire kien qiegħed immexxi polemika doppja, kontra l-intolleranza u l-korruzzjoni tal-Kattoliċeżmu u fl-istess ħin kontra l-materjaliżmu. Kien jgħid li "l-ateiżmu ma jopponix id-delitti imma l-fanatiżmu jġiegħlhom issiru", allavolja wara ikkonkluda li l-ateiżmu dejjem joqtol il-virtù fis-soċjetà u għalhekk aħjar ikollok reliġjon, anki waħda falza, milli ma jkollikx.
Voltaire madankollu rrifjuta li jammetti kwalunkwe intervent minn Alla fid-dinja umana. Is-Suprem, il-magna tal-univers qabbadha timxi, mingħajr ma ndaħal iżjed wara, għalhekk il-bniedem hu ħieles, jiġifieri għandu l-poter li jaġixxi, anki jekk il-libertà tiegħu hi limitata. Mil-bqija "jkun stramb jekk in-natura kollha, il-kwiekeb kollha jobdu l-liġijiet eterni, u li animal żgħir twil ħames piedi jista' jaġixxi dejjem kif irid skond il-kapriċċi tiegħu".
Ta' minn isemmi wkoll il-polemika li Voltaire kellu kontra Blaise Pascal, l-awtur tal-"Provinciales" u l-"Pensees", li kienet fuq kollox polemika kontra l-apoloġetika u l-pessimiżmu Nisrani in ġenerali. Voltaire qal li kien qiegħed jiddefendi l-umanità kontra dak il-"miżantropu sublimi", li jgħallem il-bnedmin jobodu n-natura tagħhom stess. Qal li iżjed minn kontra l-"Provinciales", ried jintefa' kontra l-"Pensees", f'difiżà ta' konċezzjoni differenti tal-bniedem, dik li tisħaq iżjed fuq il-komplessità tar-ruħ u l-multipliċità tal-imġiba, sabiex il-bniedem jirrikonoxxi u jaċċetta kif inhu, u ma jippruvax ikun iżjed milli hu.
Biex nagħlqu nistgħu ngħidu li ż-żewġ filosfi għarfu li bniedem bil-kundizzjoni tiegħu hu marbut mad-dinja, imma Pascal stenna li hu għandu jeħles u jinqata' minnha, waqt li Voltaire ried il-bniedem jirrikonoxxiha u jaċċettaha: id-dinja l-ġdida kontra l-qadima.
L-istorja
L-ideat filosofiċi ta' Voltaire ma nistgħux nifirduhom mill-mod kif kien jikteb l-istorja. Infatti hu ried jittratta din id-dixxiplina bħala filosofija, jiġifieri kien jiġbor il-fatti mħawdin u jirranġahom fl-ordni, wieħed wara l-ieħor, skond l-importanza li kien jaħseb li kellhom fl-istorja.
Mix-xogħlijiet storiċi kbar tiegħu l-"Historie de Charles XII" (1731), "Le siècle de Louis XIV" (1751), l-"Essai sur les moeurs et l'esprit des nations" (1754-58), twieldet l-istorja "tal-ispirtu uman", billi dawn wessgħu immensament l-orizzont storiku, u nqatgħu radikalment mill-viżjoni teoloġiko-providenzjalistika tal-imgħoddi tal-bniedem u mill-istorja li tfaħħar il-ħakkiema. Voltaire kien jinteressa ruħu fil-popli u d-drawwiet tagħhom; qablu l-istorja kienet l-istorja tad-dinja Nisranija, marbuta mal-Ewropa, u wara saret l-istorja universali tal-progress uman. Bil-progress uman kien jifhem il-kontroll li r-raġuni kellha fuq il-passjonijiet, li minħabba fihom irabbu l-għeruq il-preġudizzji u l-iżbalji; infatti fl-"Essai" kien dejjem iwissi fuq il-periklu li jitfaċċa l-fanatiżmu.
Il-filosofija trid tkun l-ispirtu kritiku li topponi t-tradizzjoni biex tofroq is-sewwa mill-falz, u tagħżel qalb il-fatti stess l-iżjed importanti u sinjifikattivi biex infissru l-istorja taċ-ċiviltà. Infatti Voltaire ma tagħx każ taż-żminijiet mudlamin tal-istorja, jiġifieri dawk kollha li ma kellux x'jaqsam mal-kultura, u ħalla barra mill-istorja "universali" tiegħu il-popli barbari, li ma kinux taw kontribut għall-progress taċ-ċiviltà umana. Voltaire ried jiddeskrivi l-iżvillup tal-liġi naturali matul l-istorja u juri fejn kien li l-ispirtu uman twieled mill-ġdid u għamel progress, jiġifieri meta r-raġuni ippruvat teħles mill-preġudizzji u tkun il-gwida fil-ħajja tal-bniedem: u billi s-sustanza tal-ispirtu uman ma jibidilx, il-progress jikkonsisti f'meta l-provi dejjem jirnexxu aħjar.
L-għan tal-istorja m'għadux iżjed l-għarfien t'Alla, dan mhux l-iskop tal-bniedem, li għandu minflok jiddedika ruħu biex jifhem u jsir jaf lilu nnifsu. L-għarfien tal-istorja mhux ħlief l-għarfien tal-bniedem stess. L-istorja saret l-istorja tal-illuminiżmu, tad-tidwil progressiv li l-bniedem iwettaq hu stess, tas-sejba progressiva tal-prinċipju razzjonali tiegħu. Shaftesbury[5] qal li l-umoriżmu hu l-aħjar rimedju kontra s-superstizzjoni u l-intolleranza u ħadd ma jippratika dan il-prinċipju aħjar minn Voltaire; infatti "il-mod li juża joqrob ħafna lejn dak ta' karikaturista, dejjem jibqa' viċin il-mudell li jibda minnu imma jilgħab bih u jagħwġu b'sengħa kbira biex jagħti l-interpretazzjoni tiegħu".
L-umoriżmu, l-ironija, is-satira, is-sarkażmu, iż-żufjett minn taħt jew fil-beraħ kultant jimmirahom kontra l-metafiżika, l-iskolastiċiżmu jew it-twemmin reliġjuż tradizzjonali. Imma xi minn daqqiet din is-simplifkazzjoni ironika iġġegħlu jittraskura ċerti aspetti importanti ħafna tal-istorja.
In ġenerali Voltaire irrappreżenta l-Illuminiżmu, bi ispirtu kritiku u aċituż, bix-xewqa għaċ-ċarezza u l-luċidità, biċ-ċaħda tal-preġudizzji u l-fanatiżmu superstizzjuż, b'fiduċja soda fir-raġuni, imma mingħajr ottimiżmu żejjed jew fiduċja żejda fil-parti kbira tan-nies. Ir-rumanz satiriku "Candide" (1759) huwa eżempju ta' dan. Fih Voltaire iwaqqa' għaċ-ċajt l-ottimiżmu filosofiku li kien jiddefendi Leibniz. Infatti jakkuża bl-ikbar ħruxija l-ottimiżmu ipokrita, il-"tout est bien"[6] u t-teorija tal-aħjar mid-dinjiet possibbli, għax it-triġrib tagħna jagħmluh jidher agħar u juruh bħala inevitabbli u marbut intrisekament mal-univers. Kontra dan hemm l-ottimiżmu veru, jiġifieri t-twemmin fil-progress uman li x-xjenja u l-filosofija illuminista jġibulna.
Xogħlijiet ta' Voltaire
- Œdipe (Edipu), 1718
- La Ligue ou Henry le grand, poème épique (Il-lega jew Enriku l-kbir, poeżija epika), 1723
- Mariamne (ou Hérode et Mariamne) (Mariamne (jew Erodi u Mariamne)), 1724
- La Henriade, 1728
- Histoire de Charles XII (L-istorja ta' Karlu XII), 1730
- Brutus (Brutu), 1730
- Zaïre (Żajra), 1732
- Le temple du goût (It-temju tal-gost), 1733
- Epître à Uranie (Ittra lil Uranie), 1733
- Lettres anglaises (Ittri Ingliżi) jew Lettres philosophiques (Ittri filosofiċi), 1734
- Adélaïde du Guesclin (Adelajde tal-Guesclin), 1734
- Mondain, 1736
- Epître sur Newton (Ittra fuq Newton), 1736
- Traité de métaphysique (Trattat tal-metafiżika), 1736
- L'Enfant prodigue (L-iben prodku), 1736
- Essai sur la nature du feu (Saġġ fuq in-natura tan-nar), 1738
- Eléments de la philosophie de Newton (Elementi tal-filosofija ta' Newton), 1738
- Zulime, 1740
- Le fanatisme ou Mahomet (Il-Fanatiżmu jew Muħammet), 1741
- Mérope, 1743
- Zadig ou La Destinée, 1748
- Sémiramis 1748
- Le monde comme il va (Id-dinja kif sejra), 1748
- Nanine, ou le Péjugé vaincu, 1749
- Oreste, 1750
- Le Siècle de Louis XIV (Is-seklu ta' Lwiġi XIV), 1751
- Micromégas, 1752
- Rome sauvée ou Catilina (Ruma salvata jew Catalina), 1752
- Le Duc de Foix, 1752
- La Pucelle d'Orléans (It-tfajla ta' Orleans), 1755,
- Poème sur le désastre de Lisbonne (Poeżija fuq id-diżastru ta' Liżbona) , 1756
- Essai sur les mœurs et l'esprit des Nations (Saġġ fuq id-drawwiet u l-ispirtu tan-nazzjonijiet), 1756
- Histoire des voyages de Scarmentado écrite par lui-même (Storja tal-vjaġgi ta' Scarmentado miktuba minn nnifsu), 1756
- Candide ou l'Optimisme (Kandidu jew l-ottimiżmu), 1759
- Le Caffé ou l'Ecossaise (Il-Kafè jew l-iSkoċċiża), 1760
- Tancrède (Tankredi), 1760
- Histoire d'un bon bramin, 1761
- Olympie (Olimpja), 1762
- Traité sur la tolérance (Trattat fuq it-tolleranza), 1763
- Ce qui plait aux dames (Dak li jogħġob in-nisa), 1764
- Dictionnaire philosophique (Dizzjunarju filosofiku), 1764
- Jeannot et Colin (Jeannot u Colin), 1764
- De l'horrible danger de la lecture (Fuq il-periklu tal-biża' tal-qari), 1765
- Petite digression (Digressjoni żgħira), 1766
- Le Philosophe ignorant (Il-filosfu injorant), 1766
- Les Questions de Zapata (Il-mistoqsijiet ta' Zapata), (1767)
- L'ingénu (Ta' bla ħażen), 1767
- L'homme aux 40 écus (Ir-raġel ta' erbgħin skud), 1768
- La Princesse de Babylone (Il-prinċipessa tal-Babilonja), 1768
- Canonisation de saint Cucufin (Il-kanonizzazzjoni ta' San Cucufin), 1769
- Questions sur l'Encyclopédie (Mistoqsijiet fuq l-Enċiklopedija), 1770
- Les lettres de Memmius (L-ittri ta' Memmju), 1771
- Il faut prendre un parti (Hemm bżonn li nieħdu sehem), 1772
- Le Cri du Sang Innocent (L-għajta tad-demm innoċenti), 1775
- De l'âme (Tar-ruħ), 1776
- La Bible enfin expliquée par plusieurs aumoniers de S. M. L. R. D. P. (Il-Bibbja spjegata fl-aħħar minn bosta kappillani ta' S. M. L. R. D. P.), 1776
- Dialogues d'Euhémère (Djalogi ta' Evemeru), 1777
- Irène (Irene), 1778
- Agathocle (Agatokle), 1779
Noti u referenzi
- ^ Voltaire qal bosta drabi li kien twieled fl-20 ta' Frar, 1694.
- ^ Il-kritiċi moderni jaħsbu li l-ewwel waħda hija l-aħjar spegazzjoni.
- ^ Ara fost oħrajn Voltaire en son temps ta' René Pomeau, paġna 582, Vol II.
- ^ Bil-Franċiż:
- L'univers m'embarrasse, et je ne puis songer
- Que cette horloge existe et n'ait point d'horloger.
- L'univers m'embarrasse, et je ne puis songer
- ^ Anthony Ashley Cooper, it-tielet Earl ta' Shaftesbury (2 ta' Frar, 1671 – 4 ta' Frar, 1713), kien politku, filosfu u kittieb Ingliż.
- ^ Franċiż: "Kollox sew"
Ħoloq esterni
Wikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Voltaire |
Fil-Wikikwota hemm kollezzjoni ta' kwotazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma': Voltaire |